Meta sentejn ilu bdejna naħsbu biex nibdew
Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:
-
- Novembru 2024
Nibgħatlek Waqt Raxx
id-Dlam tas-Sajffl-Iżvezja Niktiblek Hawnhekk id-dawl qatt ma rajt bħalu Blu Il-ġilda fih issir blu Jew tidher blu Ma jidlamx typing… Ostra Għadha kif għaddiet ċerva minn fejni!!! Xiex Eżatt minn fejnek? Ija Se nidħol norqod għax ilni mqajma Int linja siġar jimmultiplikaw b’mod infinit Ġo foresta fl-Iskandinavja tal-metavers U jien l-aħħar werqa li għad jifdal Itteptep…………………… qabel imur id-dawl u jintefa kollox darba għal dejjem Se nibdel il-via ta’ din il-poeżija għax mhix qed togħġobni Minn poeżija dwarek se nibdilha għal poeżija oħra……… dwarek Kważi dejjem, iktar dejjem milli kważi, nemmen li jien nikteb biex int tħobbni Nikteb din il-poeżija……… biss biex tħobbni U x’raġuni hemm għall-poeżija Jekk mhux biex l-ewwel tiktibha Imbagħad iżżommha f’idejk u taqbeż biha b’kollox Rasek l-ewwel għal ġo pixxina mimlija sa ruħ ommha bi ħġieġ miksur U toħroġ minnha tqattar id-dmija biex imbagħad eżatt wara taqbeż……… għal ġo pixxina oħra……… mimlija ħall Għax hekk irrid Għax ma jimpurtanix minn x’jista’ jgħid ħaddieħor Bl-istess mod li bankier ma jimpurtahx mill-kostellazzjonijiet Bl-istess mod li l-maltemp ma jimpurtahx minn festin ippjanat għal fuq terrazzin mhux kenni Taf kemm hu diffiċli biex ma ngħixx bik f’ħajti Daqs ħelikopter li jrid itir imma l-inġinier tah garġi minflok ġwienaħ Daqs ħelikopter li jrid jeżisti imma Leonardo da Vinci qatt m’eżista Daqs kumpanija li trid tbigħ il-ħelikopters imma m’għandhiex ħelikopters xi tbigħ għax kull min xogħlu jibni l-ħelikopters qiegħed fuq strajk permanenti Aħfirli li dejjem narma firxa wiesgħa ta’ similitudnijiet u niket bejnietna Bħal buffet ma jispiċċa qatt f’resort all inclusive Noħroġ riġlejja minn fuq l-ikel bħal żewġ kuċċaruni bil-mankijiet twal twal jiġġebbdu lejk Aħfirli li dejjem naħseb fuq dak li kieku kien Anki bi lsienek bħal tajjar fuq ġismi Dejjem nitbikkem dwar kif kellu jkun li tħassar dak li kien hemm bejnietna Meta dak li hemm bejnietna għadu ma tħassarx Inħobb inkellmek minn kull fejn inkun Anki jekk hemm kontinent jifridna Naħseb fik kull darba li nara xi ħaġa li tista’ togħġbok Naħseb fik kull xħin naħseb f’sentenza Irrid insir poeta tajba biex niktiblek poeżija f’għeluq sninek
-
- Djarju 13.08.2024
piż li ma niflaħx għalih
waħda mit-temi rikorrenti li ħarġet fil-konverżazzjonijiet hija l-bżonn ta’ komunità meta tiġi biex tesplora l-mekkaniżmu erotiku. fin-nuqqas ta’ komunità—għalkemm illum il-ġurnata hemm aċċess kbir għal forums online—huwa faċli li tiżgarra iktar, għax l-ebda bniedem ma jkun hemm biex iħeġġek tmur fit-triq it-tajba, jew iżommok responsabbli tal-kazzati li abbli tkun qed tagħmel. għall-iġsma fil-marġni, għal dawk eżotifikati—jew għax mhux parti mill-binarju, jew għax jiġu minn xi mkien fl-inħawi tal-astratt minħabba l-etniċità jew il-karnaġġon jew ir-razza—il-bżonn ta’ komunità jinħass iktar. jew iktar faċli nasal għal dan it-tip ta’ konklużjoni għax inħoss il-marġni taħt il-ġilda, daqs l-umdità tas-sajf, jgħawwar, ma jħallinix bi kwieti. spiss naħseb kif tinħass li tidħol f’kamra u ma jkunx hemm bżonn tgħodd, ma jkunx hemm bżonn tħossok parti mill-kwota. l-aħħar darba li ġejt hawn, inzertajt bniedem ieħor biss li deher ta’ etniċità ambigwa ta’ tip simili, u kif jagħmlu n-nies f’dan il-pajjiż meta jindunaw li xi ħadd għandu l-istess sfond etniku, kont sellimtlu. illallu, qed nimlew il-kwota. din id-darba, minflok, tfajla li m’għandhiex iktar minn 22 sena, qaltli li jogħġobha xagħri. irrelevanti l-ħbula, is-swat, il-PVC, il-latex, u t-tkaken u ċ-ċineg: infittxu ’l xulxin bla ma rridu bħal kalamiti mill-bogħod. ma nħossx komunità magħquda mill-prattiki erotiċi, imma nħoss il-komunità t’iġsma bħal tiegħi li b’xi mod dejjem jippruvaw isibu lil xulxin. meta Donna Haraway kitbet għala l-ġisem għandu jispiċċa fejn tispiċċa l-ġilda? kienet qed tirreferi għal proċess ta’ ibridità bejn il-magna u l-ġisem, imma jekk insaqsu l-istess mistoqsija fil-kuntest tal-aljenazzjoni, nibdew insaqsu għala l-ġilda għandha tispiċċa fejn jibda l-ġisem. l-Afrika ta’ Fuq tippenetra f’kull spazju li nidħol fih, qabel ma jidħol il-bqija ta’ ġismi; le, ma nitkellimx l-Għarbi. xwejja, xwejja. le, qatt ma mort. le, ma tistax tmissli xagħri. f’kull kamra li nidħol ngħodd jekk hemmx iktar iġsma bħal tiegħi. spiss mhux il-każ. skont Karmen MacKendrick, l-identità magħmula mix-xfar: mix-xfar tal-ġilda sax-xfar ta’ lsieni sax-xfar tal-fishnets sax-xfar tal-iġsma l-oħra, nintemm eżatti fejn tibda l-bqija tad-dinja.
-
- Djarju 18.07.2024
Ħalli
l-mistoqsijiet imexxukInqum u nsajjar il-kolazzjon għalija u għal R. Xakxuka u ħobż frisk, larinġ u kafè tajjeb li xtrajt mill-ħanut ta’ ħdejna lbieraħ. Nieklu, nilbsu, noħorġu. Naqbdu t-Tube sa Morden Hall Park, li bħalissa qed ifur ħadrani bil-fjuri u ħaxix selvaġġ. L-arja niedja u ħajja bil-ħsejjes tal-annimali li jgħixu hawn. Ħin minnhom nara ħaxixa m’ogħla hawn, biz-zokk oħxon u tundjatura fjuri bojod. Għall-ewwel naħsibha Heracleum mantegazzianum (giant hogweed) u nieħu qatgħa, għax dik perikoluża ħafna. Tant, li meta taraha trid tirrappurtaha lill-kunsill lokali biex jiġu jeħilsu minnha. Jekk tmissha tista’ tagħmik, u tikkawżalek fitofotodermatite permanenti—jiġifieri fejn tkun għamlet kuntatt mal-ġilda, jekk dik il-parti tara x-xemx, tinħaraq u titlagħlek nuffata. Dil-ħaxixa relikwa tal-kolonjaliżmu u l-Imperu Ingliż. Tikber fil-Kawkasu, imma bħal ħafna pjanti oħra li ssib hawn ġiet impurtata fl-Ewropa fis-seklu dsatax bħala novità għall-ġonna tal-borgeżija. Fl-era Vittorjana, fil-quċċata tal-Imperu, kienu għamlu karriera jieħdu l-pjanti mill-kolonji sabiex joħolqu ġonna spettakolari fl-Ingilterra. Għamlu ħsara kbira lill-bijodiversità meta introduċew dawn l-ispeċijiet invażivi, bħall-giant hogweed, għad-detriment tal-ispeċijiet nattivi. Il-giant hogweed l-ewwel li ġiet iddokumentata fl-Ingilterra kien fl-1817, meta tpoġġiet fuq il-lista ta’ żrieragħ ta’ Kew Gardens. F’episodju riċenti ta’ Blindboy Podcast, jispjega kif il-ħakkiema Protestanti fl-Irlanda fis-seklu dsatax kienu jużaw il-giant hogweed minflok ħitan, billi jqegħduhom madwar l-art privata tagħhom—li kienu, ovvjament, serquha mill-Irlandiżi. Kienu jafuhom sew l-effetti koroh ta’ dil-pjanta, u fil-fatt għalhekk użawha—biex jekk xi Irlandiż jipprova jidħol jieħu lura artu, iweġġa’ b’mod permanenti.
-
- Poddata 26.11.2024
Il-Komunità
tal-Kitba ma’ , , , &
Ħafna drabi meta niktbu nkunu magħluqin f’kamra waħidna, iżda l-kliem li nużaw qatt mhu tagħna biss. Matul l-ewwel sena ta’ Aphroconfuso ridna noħolqu, flimkien mal-kittieba tagħna, komunità fejn il-kliem mhux biss jingħad darba u jintelaq għall-irwiefen taż-żmien, iżda jsib eku u risposta fi kliem ieħor fil-ġurnal stess, fl-istorja letterarja tagħna u tad-dinja. Waqt dal-avveniment introduċejna l-ewwel ktieb ta’ Aphroconfuso, Antoloġija 1.
Abbona