Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:
-
- Mejju 2024
Bur Mgħeż #5
Id-difna
tal-memorji Is-sit ta’ Bur Mgħeż jisfida l-bijografija arkeoloġika stretta tal-post; huwa proprju l-istatus ontoloġiku tiegħu bħala rovina li żamm lill-arkeoloġija milli tapproprjah u għalhekk tillimita l-impenn tiegħu mal-inħawi ta’ madwaru u mal-memorja tal-komunità li tiftakru. L-ambigwità materjali u bijografika tal-post, għalhekk, issalvah mill-politika tal-patrimonju mmexxija mill-kapital li jbiddel is-siti f’parks għat-turiżmu. Kif inhuma llum, il-fdalijiet huma parteċipi kif ukoll aġenti attivi fit-trasformazzjoni u l-użu mill-ġdid tal-ispazju tal-barriera. Dan iqajjem riflessjoni fuq il-memorja u t-telf fi ħdan il-komunità tal-Imqabba. Bl-istratifikazzjoni kumplessa tiegħu, min-Neolitiku sa żminijiet moderni, Bur Mgħeż joffri metafora li forsi tista’ tgħinna nagħmlu sens mill-fdalijiet bħala palimpsesti li fihom insibu narrattivi u tifsiriet multipli, kull saff jiżvela aspetti differenti tal-interazzjoni tal-bniedem mal-ambjent filwaqt li l-perċezzjonijiet differenti tal-materjalità tal-ġebla tal-franka — kemm bħala riżors, kif ukoll bħala simbolu tal-wirt kulturali, jew kodiċi semjotiku ta’ rovina — jenfasizzaw in-natura suġġettiva u effimera ta’ kif nifhmu u nivvalutaw id-dinja materjali. Fl-istess ħin, Bur Mgħeż jisfida wkoll lill-arkeoloġija biex issib metodi li bihom tkun tista’ “taqra” u tifhem siti li għebu għalkollox jew kważi.
-
- Mejju 2024
ġenealoġija ta’ bankina
faċċata tpoġġi parrukkiera min-Niġerja li tfaqqa’ ċ-chewing gum f’widnejk ma’ kull malju li twaħħallek ma’ rasek. imma hi u sħabha jippranzaw f’nofs il-ħanut meta jkun sar il-ħin tal-ikla ta’ waranofsinhar, allura ma jimpurtax għax dejjem joffrulek ftit u meta tispjegalhom li ma tikolx laħam taqsmilhom qalbhom. ħasbuk cool u interessanti għax bejn sewda u bejn bajda, b’aċċent stramb li kważi tat-turist l-abjad, imma ismek Musulman u forsi qisek xi tip ta’ Afrikana imma anka int sirt vittma tal-Ewropa. ixgħel l-istazzjon li jdoqq l-Afrobeats. meta tqum biex tfarfar ġismek u testendi x-xewka ta’ dahrek, forsi tagħti l-ħajja bejn rukkell u ieħor, ikollok aptit tiżfen. imma ma tazzardax. anka int vittma tal-Ewropa. minn hawn tisma’ l-fdalijiet tal-karaoke tal-bar Ingliż, l-ikbar wieħed f’dik it-triq, imġenġel u ħerqan, imdeffes bejn bar Irlandiż, ħanut tal-ikel Maċedonjan u ieħor Niġerjan mal-kantuniera, li faċċata tiegħu ssib kafetterija Taljana. hawnhekk il-bankina ma tiqafx bil-mod li tistennieha tieqaf, lanqas. jekk tgħaddi minn hemm qabel l-għaxra ta’ filgħodu, taf issib ir-rimi tal-istonku ta’ xi bravu li ħaseb li jiflaħ il-lejl ta’ qabel, jew biċċa pizza mirwija, envelopp t’ikla li ma seħħitx. fil-vini ta’ din il-belt ma ssibx għasafar iduru man-niċeċ u s-saqajn ta’ dawk mixjin fit-triq, mhux bħall-Belt jew Tas-Sliema, allura jibqgħu jinġemgħu l-fdalijiet tal-ikel minsi. jistenna lil taż-żibel. mhux għax post maħmuġ u mitluq, imma għax għandu l-ħajja, ħajja urbana li ma tantx hemm kliem għaliha, sakemm ma ssirx tafha b’mod intimu.
-
- Poddata 11.05.2024
Noti Editorjali #5
ma’
« Dawn il-proċessi kollha huma xi ħaġa li tinteressani peress li ovvjament huma assoċjati aktar man-nisa, max-xogħol tan-nisa, li mhux mhuwiex valutat, ma tistax tikkapitalizzah. Jiġi kkapitalizzat, imma l-bażi tiegħu mhix il-kreazzjoni tal-valur, il-valur tiegħu mhux ekonomiku imma huwa soċjali. Qiegħed biex tirriproduċi s-soċjetà, jew tħaddan ’in-nies, biex tieħu ħsiebhom. Dak huwa l-valur prinċipali ta' dan it-tip ta' xogħol. Allura nieħu gost nuża dan it-tip ta' xogħol meta nkun qed naħdem fuq proġetti artistiċi. Nieħu gost nagħmilhom waqt li nkun qed nitkellem ukoll fuq il-ġeneru. Meta għamilt Huma min huma? kont qed inħit liebsa u nitkellem speċifikament fuq il-pronomi. Għal Insalata għamilt insalata waqt li tkellimt fuq ir-relazzjoni tiegħi mal-ikel u l-ġeneru, il-preżentazzjoni u l-ħsieb tiegħi marbut mal-ikel u l-ġeneru. Jiġifieri dejjem kien hemm dawk l-ideat. Anki fil-kitba, meta nkun qed nikteb, dejjem nidħol fid-dettal fuq l-ikel, fuq is-sensi, fuq l-affarijiet effimeri tal-ħajja ta' kuljum. Jiġu anka mill-istudji tiegħi tal-Antropoloġija, li vera tiffoka fuq il-ħajja ta' kuljum, u vera l-ħajja ta' kuljum iġġibha maġika. U dik xi ħaġa li dejjem pruvajt nagħmel għax għalija l-ħajja ta' kuljum hija maġika speċjalment f'postijiet fejn il-kapitaliżmu ma tantx jirnexxielu em jippenetra. Għalhekk ukoll vera nidħol fuq is-sensi, fuq il-proċessi tal-ġisem. U li l-karattri jkunu konxi mill-ġisem tagħhom, x'qed jagħmlu fl-ispazju u dawn l-affarijiet kollha li l-loġika assoċjata mal-patrijarkat ma tagħtix kas, għalija huma l-aktar affarijiet importanti fil-ħajja tal-bniedem. »
-
- Mejju 2024
lil poeta li qalli li qed jikteb bħal wieħed vera xiħ dan
l-aħħar il-kliem li ktibtli dalgħodu m’hediex. għadni nhewden x’messni għedt biex niskonġr’hom minn għadmek— minn leħnek. bexxaqtli tieqa bihom; ilmaħtek bilqiegħda fil-kamra, waħdek, diqitek tidwi fil-vojt għammieq. Mill-bogħod, imbagħad, ġew il-vrus… qaluli li inti, poeta, m’għadekx tħożż hekk, għall-gost. issa li qbadt ir-ritmu taċ-ċinju tixtieqek għadek bilbla tgħanni binhar. tibżax: l-istrument għadu f’idejk bla trab. u inti bħal wieħed vera xiħ li jinsa kollox, ank’isem ommu, qabel jinsa kif jaqbad dak l-argunett ta’ dari. titnih kif titnih, ħa jdoqqlok ħelu, sabiħ.
-
- Djarju 09.04.2024
Se nħallihom hawn, jgħidu tagħhom
Dawn il-ħassieba-kittieba kollha kemm huma donnhom tal-istess fehma: “Itlaq il-kotba minn idejk u oħroġ ’il barra. Mur imxi u ħallik mill-kitba ta’ ħaddieħor.” Għandi ħabta nogħxa naqraha kitba bħal din. Imma kultant, meta ninduna li għaddiet ġurnata sħiħa u bqajt ma ħriġtx mid-dar biex nilħaq illesti kollox u nsib ħin naqra u nikteb, inħossni niddispra. Jekk nobdi l-ordni li tgħidli mmur nimxi, fil-pront nikser it-tieni waħda li tgħidli biex ma nintrabatx wisq mal-kotba li naqra. Weħilt f’din id-dilemma. Moħħni biex naqra kitba dwar il-mixi miktuba minn ħassieba li kienu jimxu bejn sitta u tmien sigħat kuljum imbagħad b’xi mod kienu jsibu wkoll ħin biżżejjed biex jiktbu dwar dan u dwar dak kollu li qanqalhom u ħassibhom huma u jimxu fil-kampanja u jitilgħu l-għoljiet. Imma jien biex naqra kitbiethom ma nsibx ħin noħroġ mixja, imqar nofs siegħa kuljum.
-
- Mejju 2024
Politika bla Nifs
Ħadd ma jista’ jiċħad li ninsabu f’punt fl-istorja tad-dinja fejn għandna iktar minn kollox. Iktar krudeltajiet, iżda wkoll iktar ġesti ta’ rieda tajba. Iktar problemi finanzjarji, fl-istess ħin li iktar nies qed jistagħnew. Iktar kriżijiet ta’ kull xorta u għamla, ibda mill-ambjent u spiċċa bil-mard. L-istess, it-tagħrif dwar it-tnejn. Iktar ksenofobija u razziżmu, kif ukoll iktar diskorsi ta’ inklużjoni soċjali u ugwaljanza. Primarjament, għandna iktar minn kollox għaliex esposti għal ħafna iktar meta kkumparat ma’ dak li kien qabel jesponina għalih il-ġurnal ta’ kuljum, kemm-il darba kien jinxtara u jinqara. L-esponiment tagħna għal dan kollu issa jinsab biss skrolljatura ’l bogħod, anki jekk mhuwa xejn ħlief dak li Jean Baudrillard isejjaħ simulakru. Meta fl-1991 kiteb li “l-gwerra tal-Golf ma seħħitx”, ried ifisser li l-Punent esperjenza biss rappreżentazzjoni medjatika tal-gwerra. Essenzjalment, dan japplika għal kollox fil-kuntest preżenti ta’ avvanzi teknoloġiċi kontinwi u l-governanza moħbija tal-algoritmi. Iżda, dan huwa biss każ ta’ kif il-mezzi soċjali kapaċi jiġbdulna l-attenzjoni u jamplifikaw is-sensi tagħna? Jew huwa minnu li kollox żdied b’mod goff u li konsegwentament tlifna kull tip ta’ kontroll? Forsi sforz l-indifferenza mifruxa? Forsi sforz l-aljenazzjoni? Il-konsum bla rażan? Il-politika? Ċertament dawn ukoll kollha għandna iktar minnhom. Il-politika, però, b’mod partikolarment ġdid. Kif jikteb Alberto Toscano, “dawk li jsibu ruħhom jgħixu fi żminijiet ta’ kriżi u diżorjentazzjoni spiss ifittxu kenn u gwida fl-analoġiji.” Għaldaqstant, il-politika preżenti bħal donnha bla nifs—kemm għax kollox huwa politiku iktar minn qatt qabel, kif ukoll għax fl-istess ħin hija politika dgħajfa.
-
- Djarju 01.04.2024
Noħlom li jaqgħuli
s-snien ta’ quddiemQed insuq il-mutur ta’ missieri f’ħolma li kienet tinħass verament tal-biża’, imbagħad noħroġ lill-fekruna tiegħu għal mixja u nitlifha xi mkien fejn il-baħar. Jgħidli li hu ħabib sew ma’ Mathieu Lindon, li jibagħtu l-messaġġi kull ġimgħa, u li Lindon kien ħabib ta’ Dustan. Jippunta lejn il-bar ta’ quddiemna u jgħidli li normalment kienu jmorru jixorbu hemm. Hu u Lindon. Jgħix eżatt hemm. Jgħid li hu ħabib sew ma’ Didier Eribon u Geoffroy de Lagasnerie. Ma tantx jiggusta lil Edouard Louis, u ltaqgħu ftit drabi. Huwa dejjem PR mode, jgħid, li jfisser li Edouard Louis dejjem ikun fil-karattru ta’ kittieb, u hu jsib dal-fatt naq’a irritanti. Huwa xorta bagħatlu kopja tal-ktieb tiegħu, u Louis kitiblu biex jirringrazzjah. Nidħlu Eataly. Irid jieħu focaccia biċ-ċikkulata (u xi ingredjent ieħor li ma nistax niftakar). Sadanittant, jien nitla’ l-ewwel sular biex inbul peress li ma nistax inżomm aktar. Jispiċċa jieħu focaccia sempliċi. Nimxu lejn Etienne Marcel. Jagħtini gidma mill-focaccia tiegħu. Ma rridx nikolha kollha, jgħid. Ngħidu ċaw.
-
- 27.05.2024
- Il-Kliem fit-Teorija
alterità
Ngħid għalija, meta nagħżel li nuża l-kelma “alterità”, nużaha biex nirreferi għat-tip ta’ “ieħor” li jikteb dwaru Levinas. L-alterità tal-Ieħor m’għandhiex x’taqsam ma’ meta ngħidu li xi ħadd ġie othered, ċjoè meqjus inferjuri, eskluż miċ-ċentru tan-normalità, abjected (din tkun kelma oħra ta’ min ningaġġaw magħha). Kif nifhmu jien, għal Levinas, l-alterità tal-Ieħor hija dik il-kwalità (anzi, hija nonkwalità, għax ma tinqabadx f’kategoriji) li lili twaqqafni milli nirreduċi lill-Ieħor għal sameness. (La qegħdin fiha, sameness kif tiġi bil-Malti? “Identiċità”? “Stessiżmu”? Hekk issuġġerew xi wħud fuq il-grupp Kelmet il-Malti fuq Facebook.) L-alterità, allura, mhijiex vjolenza (bħalma ġeneralment tkun meta xi ħadd jiġi othered); anzi, għal Levinas, il-vjolenza sseħħ appuntu meta l-alterità tal-Ieħor inwaqqgħuha għall-kategorija tal-familjari. B’hekk, inkunu ħnoqnieh lill-Ieħor, ġibnieh oġġett. Allura, “alterità”, għalija, iġġorr magħha konnotazzjonijiet ta’ fraġilità, valur, vulnerabbiltà li tinforma attitudni etika. Wara kollox, il-filosofija ta’ Levinas hija l-etika tal-alterità.
Abbona