F’waħda
Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:
-
- Lulju 2024
Sottomissjoni
U bħal b’vendikazzjoni ddeċidiet ma tkomplix tipprova, u għal ftit minuti komplew jixorbu ċ-Cisk fil-kwiet ta’ bejniethom u l-istorbju ta’ madwarhom, fuq it-taraġ tal-Ġugar, waqt li qagħdet taħseb li setgħet għamlet użu aħjar tal-ġurnata off. Torqod. Taħsel il-karozza. Twieġeb dak il-messaġġ ta’ ħabibtha Abby minn xi xahrejn ilu. Kif waslet fl-aħħar boqqa kienet se ssellimlu u tibda miexja lura lejn il-karozza imma minn ħalqha ħarġet proposta li jmorru passiġġata. U ħaditu sal-breakwater, u l-baħar kien kalm u kien hemm il-kwiet għax l-għada kienet ħa tibda l-iskola u l-familji kienu żarmaw. U meta poġġew fuq il-blat qalet lilha nnifisha li llejla le, se żżomm saqajha magħluqa, kienet għadha xi ftit misluħa, u xorta dat-tali ma tantx kien fih għaxqa. U għada xogħol jum sħiħ... U hu u jinstabat ġo fiha, b’żobbu li frankament kien kbir wisq biex jagħtiha pjaċir, u jsabbatha mal-blat ta’ Marsamxett, jisolħilha rkejjen li kienu ħelsuha mill-istmu, hi u tinkwieta li qed jitqattgħalha l-flokk kważi ġdid, waqt li f’moħħha tidwi l-mantra kif-iż-żobb-sibt-ruħi-hawn-kemm-nixtieq-qatt-ma-twelidt, għaddielha l-ħsieb li jekk dal-proxxmu jħabbilha, issemmi t-tarbija Ali, għal Ali la Pointe. Hekk, ħa joħodha t-tagħlima.
-
- Djarju 10.05.2024
xafra
fis-saqaf ta’ ħalqiit-traduzzjoni hija ħabel. bħalma tħoss il-ħabel jiekol il-ġogi f’sessjoni shibari, inħoss il-lingwa bħala xafra fis-saqaf ta’ ħalqi. hemm intersezzjoni li għad m’għandix kliem għaliha, imma qed nirreferi għal dik l-intersezzjoni bejn l-esperjenza, l-intellettwaliżmu, il-ħajja, il-ġisem, alla, il-ħaxi jew l-erotiċiżmu li mhuwiex lineari (jiġifieri t-tip ta’ espressjoni sesswali fejn m’hemmx punt A li jwassal għal punt B) jew in-nuqqas ta’ sess penetrattiv f’isem l-erotiċiżmu. iktar ma naqra fuq il-kink u d-dominazzjoni, inqas jinteressani li niskopri l-iġsma b’dan il-mod. kważi nixtieq nerġa’ nsir tifla, jew tifel, nibni ġismi mill-ġdid. forsi nibni l-lingwa mill-ġdid. spiss naħseb fuq il-possibbiltà li nsir omm tiegħi nnifsi, imma ommi mill-ewwel ġurnata li twelidt.
-
- Djarju 01.03.2024
Nintebaħ li terraqt mhux ħażin
Fi tfuliti, meta kont għadni ngħix ħdejn il-baħar, kull filgħaxija kont immur nimxi mal-kosta bla ma ngħid ’il ħadd. Mixja mgħaġġla mhux illajmata, nibdieha bin-niżla lejn il-bajja, imbagħad nerħi lejn il-lemin u nibqa’ dieħla ’l ġewwa, naqbeż ir-ramla u ninżel fuq il-blat. ’Il fuq minni stajt nisma’ l-ilħna, it-taħbit u t-tektik tal-boċċi tal-logħob. Iżda moħħi kien biss fuq il-pass li jmiss jien u ntawwal riġlejja biex nevita l-blat ippuntat u l-ħofor mimlijin ilma qiegħed. Nieqaf ħdejn is-salini, inserraħ saqajja fuq ix-xoffa ta’ ħawt minnhom, inħares daqqa minn naħa daqqa minn oħra biex nilmaħ l-ilwien ikanġu tal-kristalli tal-melħ fid-dawl ta’ nżul ix-xemx, imbagħad lejn il-baħar. Kont nistħajjel li l-fetħa tal-baħar quddiemi għad xi darba tittiekel gidma gidma u nkun jien li nibqa’ bil-ġuħ. Nimxi fuq il-ħitan baxxi minquxa fil-blat ta’ madwar l-għanqbuta ta’ ħwat kwadri wieħed maġenb l-ieħor, nipprova ma naqa’ fl-ebda wieħed minnhom. Xi darba ma kien hawn xejn ħlief il-kristalli jleqqu tal-melħ li l-baħar u x-xemx kienu joffru ’l-art. Bdew jieqfu mal-kosta l-baħħara jiġbru l-melħ biex jerfgħu fih il-laħam, il-ħut u l-ġlud ħa jservuhom għal żmien ieħor. It-tmelliħ fost l-eqdem taħwir tal-ikel, u l-imluħa waħda mill-ħames togħmiet li kapaċi ntiegħmu. Insalata mhix ħlief werqa mmellħa. Immellħu l-ilma tax-xorb sa ma jtiegħem ilma baħar u nsejħulu salmura; nimmarinaw il-laħam biex inrattbuh u ntejbuh ħa nomogħduh bi pjaċir. Jekk ma niklux melħ nimirdu, jekk nieħdu wisq immutu. Bil-melħ issiġillajna ftehim bejnietna, roxxejnieh biex nuru ’l Alla li nafdaw fih. Bnejna toroq għall-melħ biss, bih xtrajna, begħna, partatna, għamilna l-kummerċ. Bdejna gwerra minħabba l-melħ. Ħkimna rħula, ħraqnielhom id-djar u ksejnielhom l-uċuħ tar-raba’ bil-melħ biex xejn ma jikber u jmut bil-ġuħ kull min kien fadal ħaj. Morna x-xogħol u fl-aħħar tax-xahar tawna salarju, mil-Latin: salarium, sal, melħ. Bħalma fehem tard wisq Mida, id-deheb tgħaddi mingħajru, il-melħ le. Fit-Tramuntana tal-gżira, ’il bogħod ’il bogħod, kont naf li hemm raħal imsemmi għall-melħ ’ħabba s-salini li m’għadx hemm u l-bur salmastru li sal-lum hemm għadu.
-
- Djarju 02.06.2024
Moħħi huwa ffukat li nitlaq daqt
Kważi sensazzjoni ta’ mistħija li mhux qed nikteb kollox fid-djarju tiegħi. Mhux nikteb l-istorja kollha, inħalli l-affarijiet barra apposta. Immur għall-qari minn Estelle Hoy u Lisa Robertson filgħaxija f’ħanut tal-kotba fi Strasbourg-Saint-Denis. Hoy tgħid li kmieni fil-karriera tagħha tal-kitba, xi ħadd kien taha parir li kellha tagħżel ġeneru wieħed u żżomm miegħu. Tgħid li kienet sabet dal-parir irritanti u li eventwalment iddeċidiet li ma żżommx ma’ ġeneru wieħed. Lejn l-aħħar, Hoy tgħid li xi nies ħasbu li l-kitba tagħha kienet awtofinzjoni. L-udjenza kollha tistagħġeb bil-kelma “autofiction” bħallikieku saret insult—li tant kemm sar ġeneru trendy, li issa huwa trendy jekk tmur kontrih. Sid il-ħanut tal-kotba u persuna oħra mill-udjenza t-tnejn jaqblu li kultant, meta jaqraw ix-xogħol ta’ Hoy, iħossu li għandhom bżonn jerġgħu jaqrawh għax ma jkunux ċerti jekk kinux fehmu sew x’inhu għaddej fis-sentenza. Fil-fatt persuna mill-udjenza qalet li ħafna drabi hi ma tifhem xejn. Hoy tgħid li jogħġobha dal-fatt. Ma nifhimx għaliex in-nies jaħsbu li hija ħaġa tajba jew impressjonanti li ma nifhmux il-kitba ta’ xi ħadd. Bħallikieku iktar ma l-kitba tkun kumplessa u iktar ma nifhmuhiex aħna l-qarrejja, ifisser li l-kitba aktarx hija tajba ħafna. Konverżazzjoni sħiħa ma’ M u C dwar l-ilbies li qed nilbes; tissejjaħ ġakketta jew blouse?
Abbona