L-għan tagħna huwa li niżguraw li Aphroconfuso jsir organizzazzjoni li tista’ teżisti indipendentement mill-fundaturi tagħha. Qed nesploraw il-possibbiltà ta’ fondi strutturali fuq perjodu fiss, pereżempju ta’ tliet snin, jew ħamsa, biex inkunu nistgħu nippjanaw il-kontinwità u t-tkabbir tagħna.
Diġà bdejna l-proċess li niddokumentaw xogħolna. Il-Gwida tal-Istil u l-Proċess Editorjali tal-ġurnal huma disponibbli pubblikament. Is-software kollu li nipproduċu biex nibnu s-sit ukoll huwa disponibbli fuq bażi open-source. L-intenzjoni tagħna hi li niddokumentaw kull dettall tal-proċess editorjali u tal-produzzjoni, kemm tal-website kif ukoll tal-podcasts u l-pubblikazzjonijiet stampati. Nixtiequ li kull deċiżjoni li nieħdu minn jum għal ieħor tkun imniżżla f’manwal. Flimkien, dawn id-deċiżjonijiet isawru l-ġurnal. Din id-dokumentazzjoni tippermetti t-taħriġ ta’ kollegi ġodda tagħna sabiex xogħolna jkun jista’ jinfirex u jitkompla. Naturalment, dan it-tagħrif jista’ jintuża wkoll biex jinħolqu ġurnali oħrajn, għalkollox indipendenti minna.
Il-finanzjament strutturali jippermettilna nkomplu neditjaw dan il-ġurnal bir-reqqa u niżguraw li fi ftit snin il-ġurnal ikun stabbilit indipendentement minn kwalunkwe persuna waħda jew grupp ta’ nies. Matul il-perjodu ta’ tliet snin jew ħamsa, previst f’dan il-pjan, bil-mod il-mod nibdew ninvolvu edituri oħra fix-xogħol tagħna.
Li nistabbilixxu lilna nfusna fuq bażi finanzjarja soda tippermettilna nħallsu lill-kontributuri tagħna mal-pubblikazzjoni online, jew anke f’ċerti każijiet, mal-ikkummissjonar. Dan mhux biss jippermetti ħlas iktar f’waqtu lill-kontributuri attwali tagħna, iżda jippermetti wkoll li nwessgħu l-lista tagħna ta’ kontributuri biex jinkludu lil dawk li fil-preżent jistgħu jiġu esklużi minħabba li ma jifilħux jistennew daqshekk għall-ħlas. Dan l-iżvilupp ikun alinjat mal-għan tagħna li nikkummissjonaw kitba Maltija ta’ kwalità letterarja minn settur kemm jista’ jkun wiesa’ tal-popolazzjoni tal-lingwa.