•  

Fruntieri/Paċi

L-istorja hija dejjem inqas ambigwa mill-aħbarijiet. Dan ilna nafuh, anki jekk kultant ikollna nostalġija perversa għal żminijiet iktar sempliċi meta, skont kif internalizzajna l-Istorja, kulħadd kien jaf fejn hu fid-dawra ta’ ġrajjietna u d-distinzjoni bejn stat ta’ gwerra u stat ta’ paċi kienet ċara daqs dik bejn lejl u nhar. Issa d-dinja hija mappa mċajpra ta’ gwerer mhux iddikkjarati, gwerer minsija, massakri li jissejħu gwerer, gwerer li ma jissejħux gwerer, gwerer li ħadd ma jiftakar li għadhom għaddejjin, gwerer li ħadd ma jaf fiex qegħdin. L-atturi tat-teatri tal-gwerra huma mferrxin mal-erbat irjieħ. Ġieli dawn il-gwerer huma dwar fruntieri li nħolqu jew tħassru fil-gwerer ta’ qabel. Bosta drabi gwerra li sehemna fiha jista’ komodament jinħeba fid-distanza u ċ-ċpar tal-battalja, tqanqal gwerra oħra fil-pajjiżi tagħna meta nies li ħarbu minn dawk il-gwerer jazzardaw jersqu lejn xtutna. Jekk ngħixu fi żmien meta lanqas nafu eżattament min hu fi gwerra u min mhux, jekk aħna aħniex fi gwerra, jew jekk il-gwerer anki fil-pajjiżi ġirien tagħna spiċċawx jew għadx iridu jibdew, kif nistgħu nkunu nafu jekk aħna hux qed ngħixu fil-paċi? Kif jista’ jkollna stampa ċara ta’ xi nfissru meta ngħidu li rridu ngħixu fil-paċi? Bħalma hawn min lill-ġenoċidju jrid isejjaħlu gwerra, hawn min lill-kompliċità jrid isejħilha paċi .

Dekorazzjoni art-nouveau