Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:

- Frar 2025
Għalhekk qed nivvjaġġa
bil-mod #17236
Niddeċiedi li dan it-terminal ma jeżistix, li jekk m’intix bil-karozza m’hawnx post għalik. Noħroġ ’il barra, inħalli l-moll warajja u ninxteħitlu għand il-bar ta’ faċċata. Għadhom it-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar u ċ-check-in għall-ferry ma jibdiex qabel is-sebgħa u nofs, sagħtejn qabel it-tluq fid-disgħa u n-nofs. Ormai ilni mqajma tnax-il siegħa, u mal-lejl mhux li rqadt wisq. Inpoġġi fuq barra u nordna ġelat tal-frawli fit-tazza u flixkun ilma żgħir kiesaħ, forsi niffriska ftit wara t-traġitt li s’issa xejn ma mexa mal-pjan li tant ilni nfassal. L-istrajk nazzjonali tat-trasport pubbliku Taljan għoġbu jneffaqni kemxa ġmielha għax wara l-katamaran mill-Belt Valletta sa Pozzallo ma kelli ebda għażla ħlief li nieħu private transfer — xi ħaġa li nobgħod immens — sa Catania, biex minn hemm stajt inkompli b’kowċ oħra s’hawn. Miraklu kif tat-taxi rnexxielu jwassalni bl-eżatt biex nilħaq tal-għaxra u nofs. Tal-ħdax u nofs u oħrajn ma ħadmux.

- Frar 2025
Aċtu
fl-Istonku It-te aħdar itiegħem ħażin, forsi għax mhux tajjeb nixorbu filgħodu. Il-bżar mixwi jeħilli fil-gerżuma. Ma rridx nibla’. Imma hemm tliet uċuh iħarsu lejja jien u nipprova nomgħod, ma rridx naqla’ fil-platt quddiemhom. Irrid norqod. Għajjiena dal-aħħar. Bħal meta nitħeddel bis-sħana waranofsinhar. Imma għadna Frar, mit-tieqa nara l-borra nieżla ħafif ħafif, forsi missni ntbaħt dakinhar. Fis-sodda nħossni aħjar. M’iniex f’sikkti. Barxa? Virus? Aċtu fl-istonku? Kont dħaltli għal għarrieda u għamilt ġismi tiegħek, u jien lanqas biss intbaħt bik. Mhux virus. Imma jkolli nħallik taħkimni minn ġewwa, tibdilni għalkollox, irrid u ma rridx. Għal snin twal ma ridtx. Imbagħad meta ridt ma seħħ xejn. Ġejtli meta waqaft irrid u waqaft ma rridx, eżatt l-għada li ma baqax jimpurtani. Donnok kont taf li aħjar hekk, għalija u għalik. Qgħadt mistoħbi l-ġimgħat. Kelli nbul f’vażett tal-plastik bit-tapp aħmar tal-kamin biex insir naf bik. Lit-tabib merejtu, għedtlu li int aċtu fl-istonku, qalli le u feraħli. Jien u sejra lura d-dar battalt il-portmoni miż-żgħar fil-bott tat-tallab. Rari nieqaf intih xi ħaġa. Illum niggżitni l-kuxjenza. Tbissimtlu. Xi darba anki dan kien aċtu fl-istonku ta’ xi ħadd.

- Frar 2025
Kullana ta’ għanjiet dwar
il-ħolm #7Forma numru ħamsa

Fl-iljieli, nistenna
l-Marrasa tiddi minn fuq xfieq
Iħarsu qigħan dil-gżira

Fl-iljieli, nistenna fil-gallarija,
noqgħod b’abti fuq ħoġor it-tieqa
tan-nofs, ngħodd il-karozzi, bajda

bajda

sewda

griża

Fl-iljieli, narani nitgħannaq
waqt li nħaddan l-imħadda
u nħoss is-sema fl-investi
tal-qoton ċelesti

Fl-iljieli, narani ndur u nitgerbeb
sakemm nispiċċa fuq in-naħa
li dejjem norqod fuqha
u hemm vera tibda t-tertuqa.

- Djarju 10.08.2024
Inqas ħsieb u iktar ritmu
Qabel irqadt ġieni ħsieb, sentenza ta’ ftuħ jew tema għal esej. Ħsibt fl-ewwel ta’ Settembru, tibdil fl-ajru, imma iktar tibdil ġewwa fija. Ħsibt f’kif ġieli, dawk il-ġranet bikrin ta’ Settembru jġibuli magħhom ħajta dwejjaq. Qisu hemm xi swiċċ li jifred l-affett sajfi minn dak ħarifi. Skola, kapitli ġodda, lura għal rutina mill-anarkija sajfija. Imma mbagħad ħsibt f’kif dak l-arranġament emozzjonali m’għadux hekk. Il-kapitli differenti m’għadhomx jinfirdu minn xulxin b’mod daqshekk preċiż. Kollox bħal qed isir massa waħda. Inklużi l-emozzjonijiet. M’għadx hemm separazzjoni bejn punt u ieħor. M’għadx hemm it-tranżizzjoni evidenti bejn ferħ u diqa. Issa hemm livell wieħed, diqa perpetwa, u l-ferħ huwa sospensjoni temporanja minn dan l-istat li jħallik timraħ għal ftit lil hinn sa ma mbagħad terġa’ tirritorna għalih. Għad-dwejjaq stabbli.

- Frar 2025
Kullana ta’ għanjiet dwar
il-ħolm #8Prefazju numru tlieta

Il-ħolm fejn imur wara li jqajjimna?

Il-mewta l-aħħar darba li noħolmu anki jekk għajnejna ma jingħalqux, ġisimna joħroġ il-kimiċi, li jitfgħuna fi stat “ħolmieni”. Kemm jekk aħna konxji tiegħu jew m’aħniex, id-demm uman jiġbed, u f’għadd ta’ kulturi, il-mewt nikkunsidrawha bħala raqda. U l-ħolm—kemm jekk inħallu lilna nfusna nindiehsu ma’ din il-forma ta’ ħsieb jew le—jieqaf u jiżvolġi fl-aħħar raqda għall-aħħar darba.

- Frar 2025
Kullana ta’ għanjiet dwar
il-ħolm #9Forma numru sitta

Fl-aħħar raqda,
int tkompli għaddej.
U z-zijiet jippustjawlek
xagħrek f’kamra
kulur ix-xemgħa
mwarrba, f’San Luqa.

Fl-aħħar raqda,
int ma tismax.
Id-dinja tkompli titgerbeb
waqt li jdawrulek is-swaba’
t’idek il-leminija
ma’ kuruna taż-żibeġ tal-injam.

Fl-aħħar raqda
int liebes qalziet
imkemmex.
Ħalqek ma tiftħux
biex tgħidilna
“għadduh sew.”

Fl-aħħar raqda,
ġismek fiss.
U nħares lejk
togħdos taħt
ċorma fjuri mingħajr l-ittra
li ma kontx nista’ niktiblek.

Fl-aħħar raqda,
int tieqaf toħlom
U aħna mqajmin
noħolmu bik.

- Frar 2025
Nifs: Kaos u Poeżija #5
(tr Karl Baldacchino)
Il-kaos u
l-kontroll Riċentement, l-astrazzjoni bdiet taqbad. Il-finanzjalizzazzjoni tal-ekonomija hija l-iktar prova evidenti ta’ din l-espansjoni tal-isfera tal-astrazzjoni. Imma s-sottomissjoni dejjem tikber tal-ħajja għall-astrazzjoni issa qed tipprovoka reazzjoni negattiva qawwija: il-ħajja qed tirreaġixxi għall-astrazzjoni, u dan ir-ritorn tal-vitalità ħa l-forma tal-affermazzjoni mill-ġdid aggressiva tal-identità—nazzjonali, reliġjuża, razzjali. Ir-ritorn tal-ġisem—il-ġisem bla moħħ li ġie maqlugħ mir-raġuni universali u mill-kompassjoni tal-ġisem—qed jirriżulta fl-emerġenza tal-faxxiżmu postmodern mad-dinja kollha. Hawnhekk, żewġ tendenzi huma teknoloġikament marbutin ma’ xulxin u huma kulturalment diverġenti: l-ewwel waħda hija bbażata fuq it-tnerviż tan-network diġitali fis-sistema newrali u l-iperkonnessjoni tal-moħħ li tirriżulta; it-tieni tendenza hija bbażata fuq l-isplużjoni miġnuna tal-ġisem maqtugħ mill-moħħ bla ġisem. Din l-isplużjoni timmanifesta ruħha fil-ferneżija identitarja li issa qed teqred l-ordni politika taċ-ċivilizzazzjoni umana.

- Djarju 30.01.2025
Ikteb
fil-borra b’subgħakBejn l-2021 u l-2023, barra l-kitba li għamilt fit-traduzzjoni tal-poeżija ta’ Saffo u l-esejs u l-kummentarju dwarhom, kien hemm id-djarju nnifsu. Kont inżommu b’mod sporadiku. Daqqa ktibtu fuq karti individwali, daqqa bgħattu lili nnifsi bħala messaġġ. Daqqa ttajpjajtu fuq l-app tan-noti fuq il-mobile, u daqqa ħażżiżtu fuq l-istess karti li fuqhom kont qed nittraduċi l-kliem fil-frammenti ta’ Saffo. Illum għall-ewwel darba, erġajt ftaħt il-folder roża li fih akkumulajt ix-xogħol kollu li għamilt għall-ktieb u rġajt ħarist lejn dawn id-destinazzjonijiet li d-djarju kien sab postu fihom. Ippruvajt niġbor xi entrati li jirriflettu kif kont inżomm id-djarju f’dak iż-żmien. Ftit minnhom jieħdu forma ta’ noti dwar il-lingwistika ta’ Saffo, oħrajn forsi jagħtu idea tal-istat ta’ ħsibijieti, waqt li hemm dawk li jħarsu lejn memorji tal-Ġreċja u Berlin, fejn qattajt ftit jiem waqt li kont qed naħdem fuq Saffo. Il-Frammenti ta’ Saffo diġà fil-fatt huwa mgħaqqad minn entrati tad-djarju tiegħi ta’ dak iż-żmien. Fil-ktieb dawn kont inkludejthom fil-bidu ta’ kull esej, u huma stampati bil-korsiv fil-kummentarju fuq wara. Kif jgħidu Eileen Myles: “B’mod ġenerali, il-poeżija hija patetika u d-djarju huwa patetiku. Verament, il-Letteratura hija patetika.” U llum, inħossni iktar konxju ta’ din id-dikjarazzjoni. Id-djarju huwa patetiku.
Abbona