Issa għadda biżżejjed żmien, minn meta
Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:
-
- Diċembru 2024
L-Aħħar Ballu
tas-Sinjorini Kien wasal lejl ieħor biex immorru n-Natasha’s, ballu tas-sinjorini x-Xemxija li mill-bidu tad-disgħinijiet beda jseħħ kull xahar u li fih konna nilbsu, nitilgħu high, u nixxalaw sakemm il-bijokimika ta’ ġisimna ma kinitx tiflaħ iktar. In-Natasha’s ma kienx post fejn immorru nħufu. Orrajt, kien hemm min jiġi mingħalih se jgħabbi, imma n-Natasha’s kien maħkum minn spirtu ġdid fix-xena tagħna: skoprejna l-kostumi, iż-żebgħa tal-wiċċ, it-tkaken, ix-shows, il-moda DIY, id-DJ sets, il-grunge queer, l-afterhours, u l-empatija kimika li fiha l-ħbieb setgħu jsiru maħbubin anki jekk għal ftit sigħat fi tmiem il-ġimgħa darba fix-xahar. In-Natasha’s kien festa kkulurita ta’ potenzjalità, l-aħħar ballu qabel l-għodwa tal-omonormattività li sebħet u daħlet bħal gaffa fuq ix-xena queer fil-bidu tal-millennju l-ġdid. In-Natasha’s mill-ewwel kien jinħass li hu importanti għaliex mill-bidu kien iddokumentat kemm bil-video kif ukoll b’numru enormi ta’ ritratti. Mill-ewwel kien hemm sens li qed tinħoloq komunità, li konna parti minn avveniment storiku għas-sinjorini, li xi darba għad inħarsu lura u nippruvaw nifhmu x’kien qed jiġri. Forsi għax, għall-ewwel darba, l-avvenimenti kienu qed jinħolqu minn persuni queer għal udjenza queer. U għalkemm in-Natasha’s ma kienx proġett iżolat—fil-fatt kien infurmat sew minn kurrenti Londiniżi, speċjalment minn serati bħal Taboo u Kinky Gerlinky—kellu grammatika u loġika li kienu indiġeni sew. U jekk serati oħra spiss kien jingħatalhom isem partikolari, in-Natasha’s kien jissejjaħ bl-isem tal-post innifsu, qisu diġà kien hemm fih dak li Joseph u Stefan bħala organizzaturi riedu jevokaw. Ridna l-attitudni u l-ispettaklu, l-ikkampjar u ż-żagħbil, l-ilbies u l-pirmli. Il-proġett Natasha’s kien jinvolvi organizzazzjoni rudimentarja: il-flyer kien magħmul malajr, ikkupjat fuq magna tal-photocopy tal-Malta Independent fejn għamilt żmien nikteb xi artikli għall-gazzetta tal-Ħadd. Armar ma tantx kien hemm bżonn minħabba li n-Natasha’s kien iħaddan fih il-kollezzjoni vasta li kellu Vince, sid il-post, ta’ modernarjat artistiku: minn maskeruni ta’ Gianni Vella għal-lampi tal-Biba’s Emporium iżejnu kmamar sħaħ miżbugħin roża u terazzin li jagħti għal fuq il-bajja tax-Xemxija. Il-lejla kienet tkun ispirata wkoll kemm mill-mużika kontemporanja kif ukoll mix-xena disco tas-sebgħinijiet u mill-kanzunetti tad-divi Taljani. Id-DJ queer kien fenomenu kważi ġdid—kważi, għaliex Malta diġà kien hemm DJ is-Seabed, club tas-sinjorini l-Belt maġenb it-teatru l-imwaqqa’, taħt l-art. U forsi s-Seabed kien l-ewwel iterazzjoni ta’ dan it-tip ta’ ambjent li fih stajt tmur biex tkun faqgħa. Spiss, il-Ġimgħa u s-Sibt filgħaxija, is-Seabed kien jitbattal min-normali għall-ħabta tal-ħdax u minn ġo kaxxa b’tieqa żgħira li minnha kienet iddoqq, il-Kekina tibda ssensel diska f’diska, sett wara sett ta’ diski kkampjati u emblematiċi għas-sinjorini, li kienu jinkludu “Where is My Man” ta’ Eartha Kitt u “On the Radio” ta’ Donna Summer. In-Natasha’s, però, DJ Pierre kellu repożitorju enormi ta’ mużika ġo rasu u kien beda joħloq sonorità queer partikolari, infurmata minn ħsejjes elettroniċi ġodda mħalltin mad-disco klassiku tax-Chic, l-Inner City, Sylvester, Cerrone u r-ritmi tal-Italodisco.
-
- Diċembru 2024
Nifs: Kaos u Poeżija #4
(tr Karl Baldacchino)
Il-kaos u
l-moħħ Il-preżent jista’ jitqies bħala l-Era tal-Illuminiżmu Mudlam: l-era tar-rifjut tal-Illuminiżmu razzjonalistiku tal-modernità minn dawk li tmexxew biex jissottomettu r-raġuni u l-ħajja għall-feroċità tal-matematika finanzjarja. Il-kategoriji razzjonali tilfu l-ħakma tagħhom fuq l-avvanz soċjali tagħna, u neħtieġu approċċ differenti biex nifhmu l-kundizzjoni postrazzjonali kontemporanja tagħna. Żmienna huwa ttraversat minn ċertu sentiment apokalittiku. L-istituzzjoni l-aktar ikkreditata għall-interpretazzjoni tat-test famuż attribwit lil Ġwanni ta’ Patmos—il-Knisja Kattolika, li l-kompetenza tagħha ilha stabbilita—dan l-aħħar tħawdet minn avvenimenti tal-għaġeb li qatt ma smajna bihom. Fl-2005 Karol Wojtyla, il-Papa li rebaħ il-ġlieda twila kontra l-Imperu tal-Ħażen tal-Unjoni Sovjetika, ta spettaklu ta’ tbatija fiżika estrema u kuraġġ li xxandar mad-dinja kollha. Wara mewtu, Papa ġdid ta’ nisel Ġermaniż wasal Ruma jipproklama l-uniċità inkontestabbli tal-Verità, u jikkundanna r-relattiviżmu.
-
- Djarju 01.10.2024
L-għasafar jinstemgħu foloz
Ħafna drabi nħoss li qed inqarreb lejn l-iktar ħsieb rudimentali; drabi oħra, ma nistax insegwi l-korsa tal-ħsieb tiegħi stess. Memorja: għaxar snin ilu qrajt Kubla Khan ta’ Coleridge, poeżija li kien qed jikteb fis-sena 1797 wara li qam minn ħolma mnebbħa mil-loppju iżda li ma rnexxilux jispiċċa għax ġie interrott minn persuna minn Porlock, u b’hekk nesa dak li ried jikteb. Meta kont qed nistudja l-Klassiċi l-università, wieħed mill-awturi assenjati għall-finali tiegħi kien Erodotu. L-ewwel ħaġa li qalulna waqt lezzjoni dwaru kienet li hu magħruf bħala missier l-istorja. Jien, kull test li jagħti attenzjoni kbira għall-fatti storiċi, speċjalment dawk li jirrakkuntaw f’dettall kbir kif marret battalja partikolari, kienu jdejquni. Kemm suldati, kemm flotot, kemm iljunfanti marru għall-battalja. Ma kien jimpurtani xejn. Madankollu, iktar tard skoprejt ċertu gost f’Erodotu. Dak kien il-metodu tal-kitba tiegħu; jagħti ħafna dettalji mingħajr wisq passjoni. Huwa l-istil tal-kitba tiegħu li jidher dissoċjattiv, li jinħass iktar kontemporanju issa. Kull meta nipprova nikteb idea waħda, insib lili nnifsi diġà għajjien biha u f’daqqa waħda tiġi tħabbat il-ħeġġa biex nikteb dwar xi ħaġa oħra.
-
- Diċembru 2024
nonfoħ
fil-kustilji allużjonijiet ġoddaTistaqsini jekk nemminx b’Ġesù Kristu imma l-kumplimenti kumplimenti jibqgħu, jiġu mingħand min jiġu. Ngħidilha li Ġesù Kristu żelaq min-nifs li nieħu bħad-dijossidu tal-karbonju u ma nafx għadx jerġa’ jidħol. Tgħidli li Alla nefaħ fil-kustilji t’Adam u ħoloq lill-mara u nħossha tifhimni. Nistaqsiha xi knisja tattendi u tgħidli li hi Mormona. Naqbdu nidħqu bil-ġuvintur bil-qomos bojod u l-qliezet suwed li żgur mhumiex tas-satin iċemplu l-qniepen tan-nies biex iwasslulhom lil Ġesù Kristu. Tgħidli li forsi tliftu għax ma sibtx komunità u ngħidilha li mhux għalhekk imma nkun qed nigdeb.
-
- Diċembru 2024
il-ġentrifikazzjoni
tas-skiet tistenbaħ kakofoniku tħawwad il-borma tixgħel il-kitla tgħalli litru ilma trattab l-arja bil-kafè fwiħtu tittraslokani fil-belt tal-balavostri mdewda u l-frontispizji mnaqqxa biċ-ċikonji ’l bogħod minn dawn is-subborgi ġentrifikati qatt m’aft li l-kafè għandu effetti terapewtiċi kien mingħalija li l-ħaxixa biss tpejjipha biex taqla’ x-xewka f’sormok minflokha ddaħħal sensazzjonijiet iċarrtu ħalqhom għal kapriċċik biex issebbaħ lok mingħajr prinċipji estetiċi biex iċċallsu b’saff verniċ darba o ħadni praga fit-toroq nervużi ta’ žižkov u qalli niddeċiedi jien jekk dil-akkwata kinitx ġentrifikata meta għamiltlek dil-mistoqsija weġibtni dubjuż jiddependi xi tfisser b’ġentrifikazzjoni u ħallejtni b’hekk u lil o weġibtu bil-yoghurt tewmi tad-döner jiċċaflas ma’ ħaddejja jiddependi xi tfisser b’ġentrifikazzjoni u ħallejtu b’hekk
Abbona