“
Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:
-
- Diċembru 2023
Insalata
Il-memorja fl-ikel tinfed b’mod sottili. Jien u nagħmel l-insalata kont qed niftakar, mingħajr ma kelli għalfejn nitkellem, sempliċiment billi nirrepeti b’ġismi l-azzjonijiet li għaddewli ommi u ommha. Meta nikkunsidraw l-ikel, irridu naħsbu fuq lingwa sħiħa mhux mitkellma, irridu naħsbu fuq il-ħin b’mod differenti, irridu nidħlu fi ħsieb fuq livell għalkollox differenti minn dak kapitalist li jorganizzalna l-ħajja ta’ kuljum fid-dinja pubblika tal-lum. Fil-verità, fil-privat u fi ċrieki żgħar, kull wieħed u waħda minna għandna l-possibbiltà biex naħsbu b’ontoloġija kompletament differenti minn dik tal-Illuminiżmu. U iktar ma nsajru flimkien u naqsmu l-ikel u l-għajnuna bejnietna, iktar dawn iċ-ċrieki nistgħu nkabbruhom. L-ikel jgħaqqad u jagħti dar u post għall-kenn lil min joffrih u jaqsmu. Huwa importanti li nagħrfu l-valur politiku li nieħdu ħsieb xulxin, xi ħaġa li t-teorija femminista ilha tinsisti dwarha. Meta taqsam ikla kważi dejjem tkun qed toħloq familja, u għalija l-familja ta’ veru tinħoloq meta nieklu flimkien b’mod intenzjonali.
-
- Diċembru 2023
Flaming Fag
int sabiħ le / żommh’għalik / jekk troddhieli ma nemmnekx meta ngħidlek hekk mhix l-intenzjoni tiegħi / li nagħmel minnek katavru kemm-il poeżija xaqqaqna / bl-iskuża tal-għerf / biex kemm ninsewhom / dawk il-ħaġiet mejta / u nġorruhom lura d-dar fuq daharna / mingħajr ’qas kas? hekk tgħallimt f’dawk il-mortwarji skolastiċi: / is-sabiħ jitlob li jiġi mifhum / il-fehim jitlob is-sagrifiċċju tas-sabiħ
-
- Diċembru 2023
Joey Tilbes,
it-Tabù Tinża’Joey kienet tinżel imlibbsa u mpittra, saff eyeshadow abjad mad-dawra, faxx lapes max-xfar, u kulur skur ilellex fuq il-kappell t’għajnejha. Gloss u glitter aħmar, ras nokkli bil-backcombing u l-ġnub miġbudin u llixxati lura b’pettne tad-djamantini. Meta kienet tilbes ta’ mara, kienet tħobb tagħżel xi libsa tal-Haro, li kellhom ħanut tal-ħwejjeġ Tas-Sliema, moda impurtata f’Malta minn familja Anglo-Iżraeljana li kienu jgħixu hawn. Kellhom stabbiliment tal-ħwejjeġ ieħor il-Belt, u r-restorant LeRoy ġewwa Tigné. Lil din il-familja tal-Haro, iz-zija t’ommi, Salvina kienet għall-ewwel isseftrilhom u mbagħad bdiet tieħu ħsieb it-tfal tagħhom għax kienet taf titkellem bl-Ingliż. Kienet fuq tagħha u ommi dejjem tiġri magħha u ġieli kienet tmur magħha għandhom. Din id-dar lil ommi fetħitilha orizzonti ġodda u internazzjonali ħafna, u l-Haro kien nissel fiha sens ta’ moda, avolja qliezet u qomos tal-irġiel biss kienet tilbes. Junior, imma, kien galantom u jberbaq sew fuq Antoinette u l-gwardarobbi tal-Iklin kienu kmamar sħaħ fil-basement tad-dar, li fil-weekend spiss jispiċċaw mimlijin sinjorini jitpittru quddiem mera rettangolari kollha bozoz mad-dawra u ħwejjeġ, parrokki, u tkaken għaddejjin minn id għall-oħra ħa jaraw min se jilbes xiex. Antoinette kellha mijiet ta’ lbiesi, tant li ġieli l-kontestanti tax-shows bħal Miss Sunshine kienu jilbsu kważi biss ħwejjeġ mill-gwardarobba tagħha, qisha l-benefattriċi tat-travestì. Wara joħorġu jiżżagħblu l-Hungry Tiger u jiġu lura l-għada, kulħadd daħna, kollha daħq, żuffjett, ikkampjar, riħa ta’ xorb u sigaretti, u min jorqod ’l hemm u min jorqod ’l hawn. Imma l-parrokki kienu dejjem jidħlu lura ġol-kaxxi tal-kartun roża b’ħabel gold biex iġġorrhom minnu, imqiegħda hemm ġew fuq irjus tondi tal-ġablow li fuqhom Joey kienet tpinġi għajnejn, imnieħer u xufftejn bil-make-up t’Antoinette, u meta jiġu lura miż-żagħbil tal-lejl, kienet taqla’ l-eyelashes foloz u twaħħalhom fuqha. Il-parrokki kienu joħduhom darba fix-xahar il-Village Gossip, għand Manwel u l-Mimì, għal wash u blow dry.
-
- Poddata 18.12.2023
Noti Editorjali #3
ma’
Taħdita ma' Davinia Hamilton dwar it-teatru, il-kitba, u r-relazzjoni bejniethom. Fost ħafna affarijiet oħra, nitkellmu wkoll dwar ix-xogħol teatrali Blanket Ban, li ħolqot flimkien ma’ Marta Vella, l-attiviżmu tagħha rigward id-drittijiet riproduttivi, l-istudju tagħha tal-psikanaliżi, u l-kitba tal-esej tagħha Żerriegħa fuq Aphroconfuso. Davinia Hamilton hi gradwata fl-Ingliż mill-Università ta’ Malta, u studjat il-midja diġitali ġewwa Dublin, u t-teatru fl-iskola ArtsEd ġewwa Londra. Hi l-koawtriċi ta’ Blanket Ban, produzzjoni teatrali dwar l-abort f’Malta, ippubblikata minn Bloomsbury Methuen Drama, li rebħet l-Edinburgh Untapped Award, u ġiet innominata għal Off West End Award, kif ukoll Popcorn Writing Award u Sit Up Award.
Abbona