“
Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:
-
- Awwissu 2024
Es Sidr #1
Għasafar
tal-passa Darba, waqt dagħdigħa bħal tas-soltu biex nara x’se nsib fil-cupboard ta’ taħt, bqajt inqalleb iktar fil-qiegħ u kien ħareġ dal-file li għandi f’idi llum minn ġo basket tal-plastik isfar. Kien bejn files oħra ta’ ditta Amerikana taż-żejt u karti tal-ittri ta’ ditta li m’għadnix niftakarha. It-toqol tal-file kien mill-ewwel tani indikazzjoni li l-kontenut tiegħu kien importanti u li kien qed jinħeba. Ftaħtu immedjatament u mal-ewwel daqqa t’għajn indunajt li kien fih skoss ittri li kien kiteb Otman Salem Otman lil ommi. Il-kitba tiegħu tixbah ftit lil tagħha. Kitbilha ħafna. Kitbilha spiss. Kont naf min kien, però kont rajtu darba biss, u kont għadni wisq żgħir biex niftakar iktar minn dik il-memorja fuġġenti u effimera li għandi ta’ raġel sħaba f’żona tal-moħħ distanti immens. Nassoċjah ma’ dar żgħira l-Gżira li xi kultant ngħaddi minn ħdejha u nħokk mal-ħajt biex inħalli mal-ġakketta ftit trab mit-tmermir tal-faċċata, ma’ banju ilma sħun ifuħ, ma’ qmis bajda mgħoddija. Però l-memorja li għandi tiegħu tieqaf hemm. Ġieli nara ismu f’xi ċertifikat maħruġ mill-Insinwa, ġieli jkolli niktbu meta nkun qed nimla xi formola, u m’ilux staqsewni għalih biex joħorġu ċ-ċertifikat tal-mewt t’ommi. Il-bqija, baħħ. Niftakar li dakinhar li sibt il-file, kont qrajt biċċiet minn ittri differenti f’salt, u bdejt ngħaqqad kelma minn hawn u kelma minn hemm, u bnejt storja ġo rasi fi ftit minuti. Fl-immaġinarju tiegħi ta’ tfuliti u żgħożiti, dwar Otman kelli biss storja waħda, li spiss kont nirrakkonta lili nnifsi meta t-tfal l-oħra kienu jistaqsuni min hu missieri. Niftakar ħasda kbira dakinhar li smajt leħnu u rajt kliemu għall-ewwel darba f’dawn l-ittri.
-
- Djarju 05.07.2024
seta’ kien ilma, seta’ kien għaraq
fittixt harness għall-avveniment, forsi nibda nifhem kif il-lingwa tal-estetika tista’ tiżvolġi b’mod li tiġġissem mal-performance, il-fiżiku u l-moviment. tfajt ġismi f’kobba bokkli u polyester u bizzilla fjakka, ix-xaħam madwar żaqqi ċirku, jinqasam fi tnejn għall-ewwel, imbagħad fi tlieta. meta npoġġi, it-torso jintewa f’mitt biċċa, il-laħam issikkat taħt iċ-ċinturini madwar riġlejja jiżżerżaq minn postu, joħroġ isellimli minn kull banda. kieku kelli l-ikel fl-istonku, kont nirremetti. ngħid lil sieħbi li ġarrejt miegħi għal din l-okkażjoni li qisni l-istess majjal li kienu jonxru niesu fi żmienhom is-Serbja, ġisem lest biex jiġi mitfugħ fuq gozz ħatab jaqbad u jittiekel bejn familja t’għoxrin. nidħqu t-tnejn li aħna, għax jekk ma tatni xejn, l-iskumdità li nħoss li nokkupa dan il-ġisem, għall-inqas tatni l-għerf li niċċajta u nobżqilha f’wiċċha, u nżejjinha b’mod li kulħadd iħossu parti miċ-ċajta. imma ċ-ċajta hija ċajta f’wiċċi, f’ġismi, li xi drabi barka, imma drabi oħra bħal dawn, bejn iċ-ċineg u d-drapp li l-ġilda tifga fih, huwa ħabs. niftakar f’“Ġismi Battikata”. il-ostja jekk hux battikata.
-
- Djarju 24.04.2024
Tistgħu tgħiduli min jien?
Ġejt Għawdex għal btala ma’ wħud minn sħabi ta’ Londra. Ilna ngħidu ftit li rridu mmorru btala flimkien—xi mkien għas-sħana, fejn hemm l-ikel bnin u l-inbid tajjeb, u fejn nistgħu mmorru nimxu għax-xemx u niddiskutu d-dinja. Sibnieha ftit diffiċli nsibu xi mkien mhux għali infern—il-Greċja, Sqallija, il-Marokk, il-Kroazja. Xi ħadd minn sħabi fl-aħħar qal, “Naf li din forsi xi ftit awkward għax pajjiżek, imma Malta qisha destinazzjoni perfetta, le?” Vera awkward, imma kellhom raġun. Sibna farmhouse l-Għarb għal prezz raġonevoli, qtajna l-biljetti tal-ajru, u hawn aħna. Dejjem inħossni ftit stramba meta sħabi barranin jiġu miegħi Malta. Ħassejtha ħafna din speċjalment fil-bidu tar-relazzjoni ma’ R. Stħajjiltu meta qiegħed Malta qed jara xi ħaġa intima ħafna. Stħajjiltni jien meta lil xi nies ngħidilhom li nistudja l-psikanaliżi u jisktu f’daqqa jew jgħidu xi ħaġa speċi, “allura, qed taqrali moħħi?” (Nixtieq.) U mbagħad jiftħu qalbhom miegħi, jgħiduli dwar tfulithom, jitolbuni nispjegalhom għalfejn ibatu. “Għidli għala jien kif jien.” Lil sħabi nurihom art twelidi u nħossni donni qed nitlobhom, “Issa la qegħdin hawn fejn trabbejt; issa la qed tieklu l-ikel li tant inħobb; issa li mixjin fit-toroq ta’ tfuliti, ixxommu l-arja mielħa, taraw dawn l-ikoni reliġjużi kull fejn tħarsu, taraw niesi: tistgħu tgħiduli min jien?”
-
- Awwissu 2024
Nifs: Kaos u Poeżija #2
(tr Karl Baldacchino)
Vuċi ħoss storbju
Fl-era industrijali, meta ritmu dominanti ġie impost fuq ir-ritmi spontanji ta’ individwi soċjali, il-poter seta’ jiġi deskritt bħala kodiċi li jallinja temporalitajiet differenti, ritmu li jħaddan kollox li jinkwadra u jħabbel is-singularità tar-ritornelli tal-individwi. Stajna nitkellmu dwar is-sovranità politika meta l-ħoss tal-liġi kien qed isikket l-istorbju ħiereġ mill-ambjent soċjali. Fis-soċjetà kontemporanja konnettiva postindustrijali tagħna, bil-maqlub: il-poter mhuwiex mibni iktar fuq li jsikket il-folla (pereżempju, permezz taċ-ċensura, il-mezzi tax-xandir, jew is-solennità tad-diskors politiku), iżda huwa bbażat fuq l-intensifikazzjoni bla limitu tal-istorbju. Illum, is-sinifikazzjoni soċjali m’għadhiex sistema ta’ skambju u dikodifikazzjoni ta’ sinifikaturi, iżda saturazzjoni tal-moħħ li jisma’—iperstimulazzjoni newrali. Filwaqt li l-ordni politika kien isir b’vuċi li tipproklama l-liġi fost is-skiet tal-folla, il-poter postpolitiku kontemporanju huwa funzjoni statistika li toħroġ mill-istorbju tal-folla.
-
- Djarju 11.07.2024
Inħossni qisni qed nikteb għall-ewwel darba
Ridt immur Berthillon biex nieħu ġelat fil-coupe tal-fidda. Nimxi tul il-barrieri tal-ħadid sakemm insib fejn jieqfu u fejn tibda d-daħla għat-triq li tagħti għall-pont. Il-gwardjani jitolbuni l-pass jeux. Nurihom il-QR code fuq il-mobile. Il-gwardjana tkabbar il-QR b’subgħajha u tiskennjah. Imbagħad tħares lejn wiċċi għal ftit sekondi. Ok, tgħidli. Ebda bniedem fit-triq ta’ quddiem ix-xmara, ħlief żewġ persuni li għaddejjin bir-rota. J kien bagħatli messaġġ ftit jiem ilu biex jgħidli li għandi naħtaf l-opportunità u mmur mixja max-xmara dal-jiem, hekk kif hija żona griża, aċċessibbli biss min-nies li joqogħdu f’dawn l-inħawi. Nasal fuq il-pont. Ix-xmara. Nidħol fil-ħanut u nistaqsi lir-raġel jekk jagħmlux ġelat fil-coupe, u nurih ritratt fuq il-mobile bħala referenza. Jgħidli li le, il-ġelat fil-coupe jagħmluh fil-ħanut ta’ faċċata, li għandu l-faċċata kannella tal-injam, iżda bħalissa huwa magħluq. Naqsam it-triq u nimxi lejn il-ħanut li semmieli biex nara hemmx miktub il-ħinijiet tal-ftuħ. Għandhom karta mwaħħla mal-bieb: Glacier Berthillon Réouverture le Mercredi 4 Septembre 2024 à 10h. Inkemmex xufftejja. Għal mument ma rridx nemmen li huwa magħluq u li se jerġa’ jiftaħ xahrejn oħra: kważi nħoss li forsi b’xi mod nista’ nikkonvinċihom jiftħu issa stess. Imbagħad inneħħi dal-ħsieb u ngħid lili nnifsi li m’għandix għalfejn inħossni meqrud minħabba ġelat. Inħossni Virginia Woolf meta ħarġet tixtri lapes f’Londra. Nerġa’ naqsam it-triq, hemm ħanut b’Berthillon miktuba b’tipa nnukklata u la ġenba u fil-vetrina għandu l-ġelati. Nidħol żewġ passi ’l ġewwa u nara li għandhom torri coupes tal-fidda maqlubin rashom ’l isfel u fuq xulxin fejn il-bar. Nistaqsiha lil tal-ħanut, li laqgħetni bi tbissima mċarrta u għajjiena, jekk tagħmilx ġelat fil-coupe, u nuriha l-istess ritratt li kont urejt lir-raġel fil-ħanut l-ieħor. Hi tispjegali l-istess ħaġa li kien qalli dak ir-raġel. Però, tgħidli, nista’ nagħmillek ġelat fil-coupe u bix-chantilly u hekk, iżda mhux stravaganti daqs ta’ dar-ritratt, bid-disinn u bil-biskuttina. Niftaħ għajnejja beraħ u ħalqi jieħu l-forma ta’ o żgħira. Okay, tajjeb xorta waħda għalija, ngħidilha. Trid tpoġġi ġewwa jew barra? tisaqsini. Inpoġġi fuq il-mejda t-tonda ta’ barra. Immexxi l-qasrija bil-pjanta falza li kienet qed iżżomm il-menù milli jtir, u nara x’togħmiet tal-ġelat għandhom. Għalkemm naf diġà li se nieħu xi ħaġa bażika bħal vanilla u frawli. Ftit minuti wara li nordna, tiġi b’coupe tal-fidda b’żewġt iblalen tal-ġelat u muntanja chantilly fuqhom. Fuq platt tond b’tissue kwadra ħamra u kuċċarina mit-twal. Wara li nlestih, nibqa’ bilqiegħda għal tliet kwarti oħra, u nlesti l-ktieb. Xi trankwillità hawn, hux, tgħidli, meta nidħol biex inħallas.
Abbona