Diċembru 2023

L-ikbar deċiżjonijiet politiċi li għandna bżonn nieħdu huma dwar l-ikel, tgħid Noah Fabri f’“Insalata”. L-ewwel il-pappa. L-ikel illum “jissimbolizza wkoll l-inugwaljanza u l-inġustizzji tal-katini tal-provvista u l-kapitaliżmu globali, il-ħela u l-ġuħ. Fil-performance li kien jisimha wkoll “Insalata”, u li ttellgħet bejn Awwissu u Ottubru 2023, Noah tkellmet dwar ir-relazzjoni bejn l-ikel u l-ġeneru. Tiftakar kif fl-iktar mumenti f’ħajjitha fejn kellha bżonn tikkomunika mal-familja tagħha, ma’ nannitha u ommha, kien bit-tisjir li dan sar bl-iktar mod intens. “L-għerf tan-nisa jirrikonoxxi li l-ikel huwa xi ħaġa ħajja li l-ħin kollu qed terġa’ ssir. L-ikel ma jemminx fit-tradizzjoni” u ma’ kull ikla li tissajjar, ir-riċetta u l-ikel jinbidlu. L-ikel huwa l-mod kif id-dinja ta’ madwarna tidħol fina, il-bidu tal-proċess metaboliku tagħna bħala individwi u bħala soċjetà. L-ikel tagħna mhux innoċenti; mnejn jiġi u kif jaslilna għandu effett fuq id-destin tal-pjaneta. Noah jinnota kif nanntu kienet issajjar mingħajr ma tiżen jew tkejjel — hemm għarfien li mhux maqbud mis-sistemi teknokratiċi li jikkwantifikaw u jikkomodifikaw kollox, għarfien li jista’ jgħaddi biss fl-intimità ta’ bejn persuna u oħra, l-intimità tal-kċina u tal-mejda. “Flaming Fag” ta’ Matteo Pullicino toħodna fl-intimità tal-friex, tas-sodda, fl-intimità ta’ bewsa. Fl-attentati — minkejja d-dinja — li ngħaddu xi ħaġa, xi forma ta’ ġmiel, wieħed lill-ieħor, permezz ta’ kliem, ta’ vrus, ta’ poeżija. Il-protagonisti tal-esej ta’ Omar N’Shea, “Joey Tilbes, it-Tabù Tinża’”, iserrħu fuq lingwa sħiħa li mhux dejjem fiha l-kliem. “L-ilbies, il-parrokki, it-tkaken, il-make-up kienu prostetika neċessarja, bħalma kienu t-teknoloġiji tal-ġisem li jipproduċu affetti u mutetti ta’ jdejn, xufftejn, għajnejn u mossi. Jgħaddu għarfien lilhom infushom u liċ-ċirku żgħir ta’ sorellanza madwarhom anki jekk bilfors iridu jagħmlu dan għal udjenzi li huma daqqa ostili u daqqa nejjieka. “Għall-udjenza dan kollu kien farsa, ġesti trivjalizzati; stajt tkun mara biss għal dawk li huma bħalek. Il-kummiedja tal-ġeneru kienet parti mill-idea tal-konsum għall-gost. .

Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:

Abbona fin-newsletter biex dejjem issir taf meta nippubblikaw xi ħaġa ġdida.

Dekorazzjoni art-nouveau