Ġunju 2023

Il-kelma “imġissem” is-soltu nużawha biex infissru persuna b’saħħitha, xi ħadd li forsi qatta’ ħafna ħin f’xogħol manwali jew sigħat twal jerfa’ l-ħadid. Imma, kif jgħid Kurt Borg fl-esej “Ġilda”, il-mod kif neżistu huwa mod imġissem. Il-fatt li ngħixu bħala dal-ġisem jagħtina postna fid-dinja li ngħixu fiha. Dak li nħossu mid-dinja u dak li ngħidu lid-dinja jitniżżel fuq, u jinqara minn, ġisimna. Charlene Galea tieħu ’l ġisimha bħala l-ktieb ta’ ħajjitha u tagħti vuċi għal kull marka li ssib fuqu. Ix-xogħol tagħha “Ġismi Battikata” kellu l-ġenesi tiegħu f’serje ta’ workshops li għamlet Budapest bħala parti minn sensiela ta’ attivitajiet performattivi dwar il-ġisem, il-moviment u l-vuċi, li ilha tesplora dawn l-aħħar snin. Għaliha l-ġisem huwa kemm is-sors ta’ dak li tħoss u kemm ir-reċipjent ta’ dak li jagħtiha kulma tiltaqa’ miegħu f’ħajjitha. Il-ġisem ma tħossux biss minn ġewwa, imma tarah ukoll minn barra, fil-mera tal-imġiba lejha tan-nies. Għaliex għalkemm ngħixu f’ġisimna, ġisimna mhux tagħna biss. Qed jiġi kkunsmat minn ħaddieħor u ffurmat mill-mod kif jarawh, kif iriduh. Mill-mod kif jinħabb minn ħaddieħor u l-mod kif inhu għodda f’makkinarju ikbar minn kull ġisem individwali, makkinarju ekonomiku u politiku. Fuq il-ġisem tinkiteb l-istorja tagħna; ir-rendikont tal-ġisem huwa r-rendikont tal-ħajja tagħna. Charlene tieħu l-idea tal-kitba fuq il-ġisem ukoll b’mod dirett permezz tat-tpinġija. Kontra l-istorja li d-dinja u ż-żmien inaqqxu fuq ġisimha, hi tikteb fuq il-ġilda tagħha ittra lid-dinja biex tgħidilha xi ħaġa lura. In-nifs, il-vuċi, il-ħsieb, il-moviment, l-azzjoni huma kollha l-arti ta’ Charlene. Fil-leħen issib il-ftit garanzija li hemm xi ħaġa li tibda ġewwa u li tipprova tgħid l-istorja ta’ dal-ġisem minn taħt il-ġilda. Kif jikteb Kurt, “il-ġilda tgħattik filwaqt li tikxfek bħala kreatura vulnerabbli”. Għalih, il-waqgħa ta’ dal-ġisem vulnerabbli, faċilment immarkat, hija dik li tagħmilna bnedmin, dik li żżommna milli nkunu allat .

Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:

Minn dan ix-xahar, bdejna nippubblikaw verżjoni awdjo tal-kitba li tidher fuq Aphroconfuso. Biex dejjem tkun avżat li se noħorġu xi ħaġa ġdida, abbona fin-newsletter.

Dekorazzjoni art-nouveau